Meta tgħid lil persuni oħra (Telling other people)
Jista’ jkun li jkollok bżonn tgħid lill-familja, ħbieb u nies oħra li għandek kanċer. Inti biss tista’ tiddeċiedi lil min trid tgħid, u meta trid tgħidilhom.
Li titkellem dwar il-kanċer tiegħek jista’ jkun diffiċli u skomdu, imma ftit preparazzjoni tista’ tgħin.
Meta tgħid lill-familja u lill-ħbieb
Jekk qed ikollok problema biex tiddeċiedi kif ser taqsam l-aħbar, li tkun ippreparat jista’ jgħin. Tista’ tagħmel dan billi tiddeċiedi kemm informazzjoni tixtieq tagħti dwar id-dijanjożi tiegħek. Xi eżempji ta’ affarijiet li forsi tixtieq tgħid huma:
- x’tip ta’ kanċer għandek
- xi trattament li jista’ jkollok bżonn
- kemm huwa avvanzat il-kanċer tiegħek.
Tista’ tkun diffiċli, imma persuni ta’ spiss isibu li meta jgħidu lill-maħbubin tagħhom li għandhom kanċer, dan iserraħhom. Tista’ tgħin ukoll biex ir-realtà tas-sitwazzjoni tkun aċċettata. Meta tgħid lil ħaddieħor li għandek kanċer tippermettilhom ukoll li joffrulek sapport.
Meta tgħid lit-tfal
L-ippjanar jgħin ukoll meta qed tiddeċiedi meta u kif ser tgħid lit-tfal li għandek kanċer. Aħseb dwar kemm informazzjoni trid tgħidilhom, u l-mod kif ser tgħidilhom.
Kemm it-tfal jifhmu l-aħbar u r-reazzjoni tagħhom jiddependu mill-età tagħhom. Tfal żgħar m’għandhomx bżonn ta’ ħafna informazzjoni, waqt li tfal akbar u teenagers għandhom bżonn li jkunu jafu aktar.
Forsi tkun trid li tagħti aktar riassikurazzjoni lit-tfal tiegħek, per eżempju:
- Mhux tort tagħhom li inti marid.
- Mhux possibbli li jaqbdek kanċer minn ħaddieħor.
- M’hemmx għalfejn li jħossuhom waħedhom, għax ser ikun hemm membri tal-familja biex jissapportjaw lil xulxin.
- Għadek tħobbhom daqs qabel, anke jekk meta ser ikollok it-trattament ser ifisser li forsi ser ikollok anqas ħin biex tgħaddi magħhom għal perjodu ta’ żmien.
Inti l-aħjar persuna biex tiddeċiedi meta u fejn ser tgħid lit-tfal tiegħek. Forsi trid tgħidilhom flimkien bħala familja, jew waħedhom biex taddatta l-informazzjoni skont l-età ta’ kull tifel/tifla. Kwalunkwe mod li tuża, tkun idea tajba li tagħżel ħin kwiet meta ma tkunx disturbat.
Meta tgħid lill-persuni fuq ix-xogħol
Jekk inti taħdem, forsi għandek taħseb jekk għandekx tgħid lill-kollegi tax-xogħol u kemm tixtieq tgħidilhom. Żomm f’moħħok li forsi jkollok bżonn tgħid lil meniġer jew supervisor li għandek kundizzjoni medika, fil-każ li jkollok bżonn tkun assenti mix-xogħol għal xi żmien.